Investiment għal ġejjieni aktar ekoloġiku – l-UE tniedi l-Ġimgħa Ambjentali 2016 (Green Week 2016)

Investiment għal ġejjieni aktar ekoloġiku – l-UE tniedi l-Ġimgħa Ambjentali 2016 (Green Week 2016)

L-edizzjoni tal-Ġimgħa Ambjentali 2016, li hija l-akbar okkażjoni annwali biex isir dibattitu u diskussjoni dwar il-Politika Ambjentali Ewropea, ser tittella' t-Tnejn, 30 ta' Mejju sal-Ġimgħa, 3 ta' Ġunju. Din is-sena l-enfasi ser ikun fuq it-tema "Investiment għal ġejjieni aktar ekoloġiku".

It-Tnejn, 30 ta’ Mejju 2016 —  

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd Karmenu Vella qal:

Green Week toffri opportunità unika biex individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinu jsawwru l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa jitlaqqgħu flimkien. Din is-sena, l-investiment ekoloġiku huwa s-suġġett ewlieni. It-transizzjoni għal ekonomija ċirkolari u b'kontenut baxx ta' karbonju teħtieġ finanzjament b'saħħtu. L-Ewropa qiegħda f'pożizzjoni tajba ħafna biex tmexxi din it-tranżizzjoni.  Il-fondi tagħna, bħal EFSI u LIFE u Orizzont 2020, qegħdin jixprunaw dan l-investiment lejn tkabbir sostenibbli.”

Matul il-ġimgħa, sejrin isiru dibattiti onlajn, chats fuq twitter u sejrin jiġu organizzati avvenimenti madwar l-Ewropa biex juru kif l-investimenti jistgħu joħolqu futur aktar ekoloġiku fl-Ewropa. Kull jum ser juri aspett differenti tat-tema b'varjetà wiesgħa tal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati u l-isħab li jkunu qegħdin jipparteċipaw. Il-programm b'xi elementi ewlenin huwa kif ġej:

It-Tnejn, 30 ta' Mejju – Investiment għal bliet aktar ekoloġiċi

Il-Ġimgħa Ambjentali tal-UE ser tibda f'Ljubljana (is-Slovenja), li hija l-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea ta' din is-sena. L-avvenimenti matul il-ġurnata sejrin jiffukaw fuq kif l-iffinanzjar tal-ibliet aktar ekoloġiċi jista' jtejjeb il-kwalità tal-ħajja urbana. L-Istati Membri tal-UE sejrin jirratifikaw il-Patt ta' Amsterdam u sejrin jistabbilixxu l-Aġenda Urbana tal-UE li sejra tgħaqqad lill-Gvernijiet, lill-muniċipalitajiet u lill-partijiet interessati fit-tmexxija 'l quddiem tas-sostenibbiltà urbana.

It-Tlieta, 31 ta' Mejju – Investiment fil-kampanja tagħna

Id-diskussjonijiet sejrin jesploraw modi ta' kif nistgħu niżguraw il-futur tagħna permezz ta' investimenti fil-kampanja. Il-Kummissarju Vella sejjer jagħti bidu għal konferenza internazzjonali dwar l-ikel sostenibbli u l-ġestjoni tal-bijoskart bl-ACR+. Chat fuq Twitter filgħodu (#askEASME) sejjer iwieġeb għall-mistoqsijiet kollha dwar il-finanzjament tal-UE għall-ambjent. Dibattitu onljan organizzat minn GLOBE EU fil-Parlament Ewropew sejjer jiddiskuti aktar l-ikel sostenibbli, filwaqt li l-Pjattaforma tal-Bijodiversità Belġjana u l-IUCN sejrin jospitaw avveniment li juri l-benefiċċji multipli tas-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. L-aqwa proġetti ta' LIFE-Nature sejrin jitħabbru wkoll għal żewġ kategoriji: Natura u Bijodiversità u Ambjent u Informazzjoni.

L-Erbgħa, l-ewwel ta' Ġunju – Investimenti biex dan ikun jista' jseħħ

Investiment ekoloġiku għandu impatti pożittivi fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Is-sistemi ekonomiċi ċirkolari u l-kumpaniji jeħtieġu finanzjament adattat peress li huma ta' spiss iħallsu redditi fuq l-investimenti b'modi differenti. L-ingranaġġ tal-finanzjament privat f'soluzzjonijiet aktar ekoloġiċi jista' jegħleb il-fallimenti tas-suq u jipprovdi benefiċċji soċjali importanti. Il-Viċi President, Jyrki Katainen, tal-Kumissjoni Ewropea u l-Kummissarju Vella sejrin jitkellmu fi Brussell (il-Belġju) dwar kif il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jimmobilizza l-finanzjament għal proġetti ekoloġiċi u kif nistgħu nużaw is-sistema finanzjarja lejn proġetti sostenibbli. Barra minn hekk, grupp ta' CEOs mis-settur tal-bejgħ bl-imnut sejrin jimpenjaw ruħhom biex jinvestu fl-ekonomija ċirkolari.

Il-Ħamis, 2 ta' Ġunju – Investimenti fl-oċeani tagħna

Il-potenzjal tal-ekonomija blu, li tirrappreżenta 4 % tal-PDG tal-UE u aktar minn ħames miljun impjieg, sejjer jiġi esplorat matul dan il-jum. Il-Kummissarju Vella sejjer jitkellem dwar il-kapital naturali fis-Summit Ewropew tan-Negozji. Wara nofsinhar sejjer isir webinar dwar kif wieħed għandu jaċċessa l-fondi biex jinvesti fi proġetti blu sostenibbli li sejjer juri kif il-promoturi ta' proġetti jistgħu jikkombinaw sorsi differenti.

Il-Ġimgħa, 3 ta' Ġunju – Investiment għall-ġenerazzjonijiet futuri

Il-Ġimgħa Ambjentali 2016 sejra tikkonkludi b'avveniment fi Vjenna (l-Awstrija) intitolat "Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal Futur Ekoloġiku: Investiment għall-Ġenerazzjonijiet Futuri". Is-suġġetti ta' diskussjoni sejrin jinkludu l-implimentazzjoni tal-Aġenda għal Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030. Il-kelliema sejrin jinkludu lill-Kummissarju tal-UE, is-Sur Vella, Andrä Rupprechter, il-Ministru Awstrijak tal-Ambjent, u Jan Dusik, id-Direttur tal-Uffiċċju Reġjonali tal-UNEP għall-Ewropa. Filgħodu sejra ssir chat fuq Twitter dwar il-ħiliet ekoloġiċi.

Is-sistema ta' reġistrazzjoni issa hija miftuħa għall-avvenimenti. Agħfas hawnhekk biex toħloq kont jew biex tilloggja. Irreġistra permezz tal-link għal kull sessjoni dwar il-programm  tal-ġurnata.

Commissioner Vella opens Green Week 2016 in Ljubljana

Ikkuntattjana

Enrico Brivio

Spokesperson European Commission

Iris Petsa

Press Officer for Environment, Maritime Affairs and Fisheries

#EUGreenWeek

www.greenweek2016.eu

Published with Prezly